Is-suċċessi miksuba mill-Gvern tul dawn l-aħħar ħames snin fid-diversi oqsma li jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna huma bla preċedent. Mhix kwistjoni ta’ tħaris minn lenti partiġġjana. Il-fatti qegħdin hemm għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Bħalma kulħadd għajnejh f’wiċċu għajr dawk li għax għandhom kappestru fuq għajnejhom jibqgħu jmeru s-sewwa magħruf, jibqgħu jgħidu li tkun nieżla xita qliel meta fil-fatt it-temp ikun xott aktar mill-frawli.

Fost l-oqsma li fihom ninsabu għaddejjin b’suċċess bla preċedent hemm it-turiżmu, pilastru fl-ekonomija Maltija, imma wkoll pilastru tal-kristall. Pilastru li minnu jiddependu b’mod dirett eluf ta’ ħaddiema, u allura familji, u sors indirett għall-għajxien ta’ eluf oħrajn.

Meta niddeskrivi t-turiżmu bħala pilastru tal-kristall, ma nkunx qiegħda nivvinta r-rota. Jgħidlek l-istess ħaġa kull min hu involut fih. Mhux faċli biex tibnih imma faċilissimu biex tkissru. U dan b’diversi modi, kemm diretti kif ukoll jekk mhux daqstant diretti. Hemm ukoll il-kompetizzjoni. M’aħniex waħedna fil-Mediterran. Ix-xemx mhix tagħna biss. Daqstant ieħor il-baħar u l-istorja, anke jekk l-istorja tagħna hija waħda rikka immens.

Meta tikkonsidra l-ammont ta’ turisti li qegħdin iżuruna kull sena, kif ukoll il-fatt li m’għadniex daqstant destinazzjoni staġjonali, tas-sajf biss, kemm qegħdin mexjin pari passu mas-suċċess daqstant kbir fit-turiżmu? Kemm qegħdin inlaħħqu mal-pressjoni diretta li qegħdin niffaċċjaw minn dan is-settur?

Nieħu ftit eżempji. Ir-ritmu li bih għaddej is-settur tal-kostruzzjoni mhux speċifikament għal għanijiet turistiċi, imma jinkludihom żgur. Żur l-inħawi sinonimi, jew l-aktar popolari mas-settur turistiku, agħti ħarsa madwarek u pprova għodd kemm-il tower crane tara! Ipprova għodd kemm-il sular qiegħed jinbena. U dan ma japplikax biss għal dawk li huma akkomodazzjonijiet turistiċi. Jgħodd għal kull forma ta’ akkomodazzjoni.

Waqt li tkun għaddej b’dawn il-kalkoli aħseb ftit dwar x’se jkun qed ifisser dak l-iżvilupp fuq il-provvista ta’ servizzi sanitarji, servizzi ta’ ilma, servizzi ta’ enerġija u allura jekk l-infrastruttura attwali għal tali servizzi hix kompatibbli ma’ daqstant domanda. Parti mit-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tkun tista’ titwieġeb jekk l-inħawi fejn ikun għaddej dan il-bini hix parti ġdida li għadha qiegħda tiġi żviluppata jew jekk hux xi triq fejn sa ftit ilu kienet kollha residenzi b’żewġ sulari u llum tista’ tkun trasformata f’waħda ta’ ħames sulari jew iżjed, bir-riżultat li s-servizzi li semmejt ikunu issa jridu jipprovdu għal ma nafx kemm-il darba aktar.

Jekk l-inħawi fejn ikun għaddej l-iżvilupp huma ġodda allura kull sistema ta’ servizz ikun maħsub għaliha, imma jekk le allura x’aktarx li l-infrastruttura attwali ma tkunx maħsuba għal daqstant żvilupp, bil-konsegwenza x’aktarx tkun, kif għandu jkun, twassil ta’ servizz aktar adegwat b’dak kollu li dan ikun ifisser, fosthom qlugħ ta’ toroq.

Hija ċirkostanza inevitabbli, imma ma jfissirx li ma toħloqx inkonvenjenzi, anzi inkonvenjenzi kbar, bħal għeluq ta’ toroq, ingombru għar-residenti, problemi ta’ traffiku. Imma x’tagħmel? Ma timxix mal-ħtieġa ta’ żvilupp? Kif jista’ jkun?

Hemm imbagħad xiħaġa oħra li t-turiżmu qiegħed iħalli effett fuqna bħala poplu. Effett fuq il-kultura tagħna, partikolarment fejn jidħol divertiment. Kif tista’ tikkompeti ma’ swieq turistiċi oħrajn jekk ma tkunx pari passu magħhom fejn jidħol divertiment? Ifisser li għandna naslu għal kollox għax hekk jitlob is-suq turistiku? Żgur li le, imma lanqas ma tista’ tmur fl-estrem l-ieħor u tillimita kollox.

Id-daqs ta’ pajjiżna huwa dak li hu. L-ammont kbir ta’ turisti li qegħdin iżuruna qed iħalli impatt kbir u fuq kollox. Żbalji f’pajjiż żgħir bħalna jkunu osservati mill-ewwel u jrid isir minn kollox biex l-iżbalji jkunu mminimizzati. Ma jistax ikun li jkollok sitwazzjonijiet bħalma spiss ikollna fl-inħawi ta’ Buġibba u San Pawl il-Baħar fejn  jirrigwarda nuqqas ta’ ndafa. Veru li l-ħmieġ ma jaqax mis-sema, imma l-fatt jibqa’ li jkun hemm il-ħmieġ. Ma jistax ikun li jkollna sitwazzjonijiet bħalma kellna fil-jiem li għaddew fejn jirrigwarda ħmieġ mill-irziezet tal-ħut bil-konsegwenza li meded sħaħ ta’ xtut ma jistgħux jitgawdew mill-Maltin u mill-barranin.

Tieħu gost tinnota li jkollok attivitajiet kbar fil-pajjiż, bħalma huma l-Isle of MTV, Notte Bianca u l-kunċert ta’ Josef Calleja fost avvenimenti oħrajn li jiġbdu l-mases u l-għada filgħodu l-postijiet fejn jittellgħu dawn l-avvenimenti jisbħu ndaf tazza. Hekk għandu jsir kull lejl fil-postijiet turistiċi.

Huma affarijiet bħal dawn li jgħinuna biex inlaħħqu mar-ritmu li bih għaddej it-turiżmu f’pajjiżna biex b’hekk ma nxellfux dan il-pilastru tal-kristall li mhux faċli tibnih daqskemm wieħed forsi jaħseb.

Il-KullĦadd 12.08.18

 

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *