Mhix l-ewwel darba li f’mument kwiet tgħaddi minn quddiem għajnejja l-istorja ta’ ġensna u fid-diversi episodji tagħha kull darba jispikka kif il-poplu Malti u Għawdxi marsus fuq dawn il-gżejjer jirnexxilu jagħmel affarijiet li ma tistennihomx minnu. Għaliex ngħiduha kif inhi, meqjus li qatt ma kellna riżorsi għajr dak uman, tiskanta kif bħala stat dejjem ipprovda b’mod adegwat għalih innifsu tista’ tgħid f’kull qasam tal-ħajja.

F’dan l-ispazju limitat u b’dan t’hawn fuq bħala sfond xtaqt nittratta l-qasam tas-saħħa. Ħsibt fuq dan il-qasam għax f’dawn l-aħħar ftit jiem laqtuni tliet affarijiet konnessi miegħu. Kellna l-ingaġġ ta’ aktar minn 100 infermier ġdid; l-għoti tal-liċenzja lil 71 tabib u seba’ dentisti ġodda u l-offerta tat-tilqima b’xejn kontra l-ħożba lil kull min jaħdem fl-isptarijiet tagħna jekk kemm-il darba ma kinux diġà mlaqqmin, miżura li ttieħdet immedjatament wara li fl-Ewropa ġew irrappurtati diversi każijiet ta’ ħożba.

Il-professjoni medika Maltija ilha snin twal ħafna meqjusa mill-universitajiet barranin bħala waħda ta’ livell għoli. Stima li ma waqgħetx mis-sema. Stima li wasalna għaliha għax dawk minn ħutna fil-professjoni medika li komplew l-istudji u l-karrieri tagħhom barra minn xtutna taw prova kontinwa tal-abbiltà tagħhom.

Il-kapaċitajiet tal-professjoni medika, f’kull livell tagħha, minn professur sa infermier, huma supplimentati minn servizzi ta’ saħħa impekkabbli offruti mill-isptar ewlieni tagħna Mater Dei. Servizzi, inkluż operazzjonijiet kbar, mingħajr ħlas għal kulħadd b’mod indiskriminatorju. Servizzi tas-saħħa b’xejn għal kulħadd.

Ma nixtieqx li naqa’ fil-partiġġjan, imma kultant ma jħallulekx triq oħra għajr dan. Ma nkunx nixtieq li l-qasam tas-saħħa jkun politiċizzat, imma niddejjaq meta mill-kamp tal-Partit Nazzjonalista tara ċerta kritika, bħal donnu nsew f’liema sitwazzjoni tħalla s-settur tas-saħħa u f’liema sitwazzjoni sabu Gvern Laburista f’Marzu 2013.

Tista’ tinsa li sa dak iż-żmien frażi komuni, li kont issibha fuq fomm kulħadd, kienet out of stock meta kienu jkunu qegħdin jitkellmu dwar mediċini li suppost kienu jingħataw b’xejn liċ-ċittadin? “Out of stock” fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek imma “in stock” fl-istess spiżerija jekk tħallas għaliha!

Tista’ tinsa l-listi twal ta’ stennija għal ċerti operazzjonijiet, bil-pazjent jkollu jissaporti l-uġigħ jekk ma jkunx lest jagħmel l-operazzjoni fil-privat, ovvjament bi ħlas. Illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn għal ċerti operazzjonijiet listi ta’ stennija tista’ tgħid li m’hemmx, filwaqt li għal oħrajn iż-żmien ta’ stennija tnaqqas mhux ftit? Il-Gvern, fejn ma setax ilaħħaq bis-servizzi offruti minnu daħal fi ftehim ma’ sptarijiet privati biex il-pazjenti jintbagħtu għandhom u mhux jagħmlu snin jistennew biex ikunu operati.

Riċentement il-mezzi tax-xandir tal-PN nefħu bużżieqa enormi għax kien hemm numru żgħir ta’ pazjenti f’Mater Dei li tħallew għal ftit ħin f’kuritur sakemm instabitilhom sodda fis-swali rispettivi! Insew imsieken tal-PN li fi żmienhom kienet l-ordni tal-ġurnata li l-kurituri tal-Isptar Mater Dei jinbidlu fi swali mingħajr ebda sens ta’ privatezza għall-pazjent mitluq fis-sodda.

Il-fatt li żdiedu sewwa s-servizzi tas-saħħa mogħtijin b’xejn fl-Isptar Mater Dei kattar minnu nnifsu l-ħtieġa għal aktar speċjalisti, professuri, kirurgi, konsulenti, tobba u infermieri f’kull livell ta’ din il-professjoni. Tħossok sodisfatta tisma’ li aktar minn 100 infermier ġdid li għadhom kemm iggradwaw ġew offruti impjieg mill-għada mill-Gvern. Dan waqt li għaddejja kampanja kontinwa biex aktar żgħażagħ jitħajru jersqu lejn din il-professjoni nobbli, professjoni li tiggarantilhom karriera.

Kif tista’ ma tħossokx sodisfatta meta fl-istess nifs li taqra dwar dawn l-infermieri ġodda taqra wkoll li dawn mhumiex biżżejjed, tant li l-Gvern kellu jirrikorri għal infermieri barranin, fosthom Spanjoli, infermieri li f’pajjiżhom ma sabux impjieg! X’differenza fuq din id-daqsxejn ta’ blata!

Aħbar oħra sabiħa f’dan il-qasam hija li fi ftit jiem oħra se jkun inawgurat ċentru tas-saħħa ġdid f’Ħal Kirkop li se jkun qed joffri 17-il servizz lil madwar 28,000 ċittadin li jgħixu fl-irħula tal-madwar u li sal-lum biex jinqdew ikollhom imorru ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana.

Kif tista’ tinsa l-istat tal-mistħija li tħalla fih l-Isptar Ġenerali t’Għawdex? Meta ntwerejt ritratti ta’ x’kien l-istat li kien fih dan l-isptar f’Marzu 2013 twerwirt. B’mod temporanju saru ħafna arranġamenti f’dan l-isptar għall-Għawdxin sakemm fi ftit snin oħra Għawdex ikollhom sptar ġdid li tħossok fiż-żgur meta tmur fih.

U wkoll ma nistax ma nsemmix is-servizz tal-IVF li qed jingħata b’xejn lil dawk il-koppji li għandhom bżonn dan is-servizz biex ikollhom it-tfal. Qabel, dawk li kienu jirrikorru għal din il-proċedura kien ikollhom iħallsu eluf kbar ta’ flus – xi ħaġa li mhux kulħadd kien jista’ jħallas. Illum dan is-servizz jinsab hemm għal kulħadd.

L-ispazju ma jippermettilix nidħol f’dettalji oħrajn dwar is-servizzi b’xejn fil-qasam tas-saħħa, xi ħaġa li tagħmlek kburija li int Maltija speċjalment meta tkun mistoqsija minn kollegi Membri Parlamentari Ewropej li jkunu ġejjin minn pajjiżi ferm akbar minna imma li lanqas joħolmu li jkollhom il-benefiċċji li għandna aħna fil-qasam tas-saħħa: Fuq dik id-daqsxejn ta’ blata kif jirnexxilkom tagħmlu dak kollu fil-qasam tas-saħħa?!

Il-KullĦadd 09.09.18

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *