B’din il-leġiżlazzjoni Marlene Mizzi saret l-ewwel MPE minn Malta li mexxiet rapport leġiżlattiv mill-istadju tal-kumitati, trijalogi u l-vot finali fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Ir-Rapport Mizzi dwar il-Portal Diġitali Uniku (Single Digital Gateway) irċieva rispons b’saħħtu u pożittiv nhar il-Ħamis, 13 ta’ Settembru, b’XXX voti favur, XXX kontra u XXX astensjonijiet waqt l-aħħar plenarja fi Strasburgu. Din il-leġiżlazzjoni se tiġi infurzata fl-istati membri kollha.

Il-Portal Uniku Diġitali huwa pass leġiżlattiv importanti li jimxi id f’id u jtejjeb il-moviment liberu fis-Suq Uniku Ewropew. Dan se jnaqqas l-ostakli li jeżistu preżentament biex tinkiseb informazzjoni amministrattiva mill-korpi relevanti miċ-ċittadini li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw jew li għandhom negozju f’pajjiż tal-UE ieħor. Din tinkludi tagħrif dwar l-impjiegi jew l-irtirar, it-tassazzjoni, il-pensjonijiet, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi u ħafna aktar. L-MPE Mizzi qalet, “Sfortunatament ħafna persuni għadhom jiffaċċjaw bosta diffikultajiet meta jivvjaġġaw, jaħdmu jew jistudjaw fi stat membru ieħor, għax 28 sistema nazzjonali differenti jġibu magħhom frustrazzjoni u kumplikazzjonijiet għaċ-ċittadini, kif ukoll għan-negozji li jkunu qed jippruvaw jespandu fi swieq ġodda”.

Ir-regoli l-ġodda se jiftħu l-bibien għal portal diġitali uniku Ewropew – user-friendly u interattiv. Dan għandu jiggwidahom għas-servizzi li jeħtieġu u jipprovdi aċċess għall-informazzjoni u għall-proċeduri amministrattivi neċessarji kollha għall-moviment liberu fl-UE.

Fuq kollox, l-istati membri jridu jipprovdu dan it-tagħrif f’aktar minn lingwa waħda biex ikun assigurat li s-sistema tintuża bis-sħiħ.

L-MPE Marlene Mizzi spjegat kif dan il-portal online huwa “search engine Ewropea li se tiġbor is-servizzi pubbliċi kollha fl-istati membri tal-UE, filwaqt li tassisti lill-persuni li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw kif ukoll negozji,, bl-informazzjoni u l-proċeduri li bħalissa ta’ spiss ikunu mifruxin ‘l hemm u ‘l hawn, inkompluti jew mhux trasparenti.” Aktar minn hekk, dan il-portal online se jnaqqas il-proċeduri burokratiċi peress li se jiġbor it-tagħrif, proċeduri u servizzi nazzjonali u Ewropew f’post wieħed – il-Your Europe Portal. Permezz ta’ dan il-portal iċ-ċittadini u n-negozji se jkollhom aċċess sempliċi għall-informazzjoni li hija l-aktar relevanti għal dak li jeħtieġu, mingħajr ma jinħlew f’links li jistgħu jkunu irrelevanti.

“Kburija bil-koperazzjoni li kellna bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex setgħet issir din il-leġiżlazzjoni. Kienet sfida kbira biex niġbru l-kunsens tat-tliet istituzzjonijiet tal-UE, il-ħafna gruppi politiċi u t-28 stat membru. Ħdimna taħt pressjoni b’deadline qasira. Iżda huwa ta’ sodisfazzjon għalija li mexxejt rapport li se jagħmel differenza li tinħass miċ-ċittadini tagħna permezz ta’ servizz diġitali pubbliku li huwa inklussiv, bla fruntiera u user-friendly. Nilqa’ l-appoġġ b’saħħtu għar-Rapport Mizzi, i#da l-akbar sodisfazzjon tiegħi huwa li ħdimt għal leġiżlazzjoni li tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni. Dan huwa dak li jagħmilni tassew kuntenta fil-ħidma tiegħi bħala leġiżlatur u MPE,” qalet Marlene Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *