Waqt il-plenarja ta’ din il-ġimgħa fi Strasburgu saret iċ-ċerimonja tal-iffirmar uffiċjali għar-regolament tal-Portal Diġitali Uniku. Din iċ-ċerimonja ssir meta r-rapporti leġiżlattivi jkunu għaddew mill-istadji kollha u approvati mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropej. Din il-leġiżlazzjoni tmexxiet mill-MPE Marlene Mizzi. Il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, u Juliane Bogner-Strauss, Ministru Federali fil-Kanċellerija Federali għan-Nisa, il-Familji u ż-Żgħażagħ, f’isem il-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill, iffirmaw il-leġiżlazzjoni.
L-MPE Marlene Mizzi qalet: “Illum l-Unjoni Ewropea laħqet stadju importanti, li se jagħmilha eħfef għaċ-ċittadini biex jinteraġġixxu mal-awtoritajiet pubbliċi. Dan kollu se jkun possibbli permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u t-tlestija tas-suq diġitali uniku. Iċ-ċittadini tagħna qed nagħtuhom benefiċċji tanġibbli li se jiffrankawlhom ħin u flus.”
Dan il-punt ta’ dħul waħdieni tal-UE se jintuża għall-portal “Your Europe” u se jkun disponibbli fl-ilsna kollha. B’sistema faċli biex tużaha, se jipprovdi aċċess u links għal siti u paġni elettroniċi nazzjonali u Ewropej, biex jgħin lill-utenti jgawdu d-drittijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obligazzjonijiet tagħhom fis-suq uniku.
“Huma leġiżlazzjonijiet bħal dawn li juru l-benefiċċji li toffri l-UE liċ-ċittadini anke permezz tal-ħidma tal-MEPs, u għaldaqstant jien sodisfatta ħafna li kont strumentali biex din il-leġiżlazzjoni għaddiet,” qalet l-MPE Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *