Sinċerament nistqarr li ma nistax insib mod ieħor kien niddeskrivi lill-Membru Parlamentari Ewropew mill-Partit tal-Ħodor tal-Ġermanja, Sven Giegold, għajr li hu ossessjonat li jagħmel ħsara lil Malta. Ossessjoni riflessa mill-fatt li issa ilu s-snin jipprova b’kull mod iħammeġ lil Malta. Ossessjoni li issa ħarraxha billi qed jhedded li se jibda kampanja mal-bank internazzjonali HSBC biex jitlaq minn Malta jekk skont hu l-Gvern ma jurix titjib fil-mod kif jaħdem fil-qasam tal-flus fejn jirrigwarda ħasil ta’ flus.

Wara theddidha bħal din ħassejtni fid-dover bħala Membru Parlamentari Ewropew bħalu u daqsu, li niktiblu personalment u li anke inxandar l-ittra li bgħattlu. Ma jiddispjaċini għall-ebda kelma li ktibt fl-ittra lil Giegold. Nemmen bis-sħiħ li b’din l-aħħar mossa tiegħu Giegold qabeż kull limitu, wera nuqqas ta’ professjonaliżmu u integrità, u abbuża mill-istatus tiegħu ta’ Membru Parlamentari Ewropew.

Inħossni konvinta li Giegold qed jabbuża mill-istatus ta’ Membru Parlamentari Ewropew għax qiegħed jagħmel dan filwaqt li jinħeba wara l-pretensjoni tal-ġlieda tiegħu kontra l-ħasil tal-flus. Meta indirizza l-Plenarja tal-Parlament Ewropew l-akkużi li għamel kontra pajjiżna kixfu l-malintiż tiegħu meta aċċetta li jkun jifforma parti minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kellha tiġi Malta biex tistabbilixxi l-fatti. Giegold ġie Malta biex SUPPOST jistabbilixxi l-fatti meta kien diġà magħruf il-mod li bih iħares lejn Malta, u li kien diġà  stabbilixxa l-fatt QABEL MA ĠIE!! Biex wara kollox din id-delegazzjoni ma pproduċiet xejn sostanzjali ħlief paroli fil-vojt. Dik serjetà!

Imma issa qabeż kull limitu. Issa Giegold qed jhedded u jipperikola l-għajxien ta’ mijiet ta’ familji li għandhom lil qrabathom jaħdmu mal-HSBC. Apparti hekk qiegħed jittanta joħloq atmosfera fejn l-investiment barrani jibda jaħsibha aktar minn darba darbtejn biex jiġi Malta u qed jipperikola wkoll l-investimenti u d-depożiti ta’ eluf kbar ta’ Maltin. Imma lil dan Giegold x’jimpurtah?!

L-attitudni li qiegħed jaġixxi biha Gielgold hija waħda tal-mistħija. Giegold qiegħed mingħalih jipprova jagħmilha tal-bully ma’ pajjiżna għax aħna pajjiż żgħir. X’aktarx li Giegold ma jafnix biżżejjed! Ara dan il bravu qatt ma smajtu jghid xejn fuq id-Deustche Bank ta’ pajjiżu, li  hu mċappas sew bi skandli tal-ħasil ta’ flus; jew fuq  l-iskandli li laqtu lid-Danske Bank tad-Danimarka u l-iskandli li hemm fuq banek fil-Latvja  u l-Estonja! Dawn l-iskandli ma dejquhx lil  Giegold tal-Ħodor! Jew forsi ma kienx hemm MEPs minn dawn il-pajjiżi jkesksuh lejn pajjiżhom!

Għax ngħiduha kif inhi, li tkeskes lill-barranin lejn pajjiżek mhix ċajta!

Giegold ma jistax jibqa’ jitħalla jitkellem fl-arja, jakkuża bl-addoċċ u jipponta subgħajh lejn dak u lejn l-ieħor. Li għandu jagħmel hu li, jew jissostanzja dak li qal billi jieħu l-provi għand l-awtoritajiet kompetenti, inkella jagħlaq ħalqu u jieqaf mill-ossessjoni tiegħu li jagħmel ħsara lil Malta. Kif ngħidu bl-Ingliż, “put up or shut up!

Ħadd m’għandu jistenna li nieqaf hawn. Ma nistax ma nsemmix il-fatt li Sven Giegold dejjem sab ir-riħ inpoppa kull meta kkritika lil Malta fil-Parlament Ewropew – riħ inpoppa mill-Membri Parlamentari Ewropej Maltin tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa lil xi Sven Giegold li l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista jagħtu l-appoġġ tagħhom. Donnu li l-kuxjenza ma tniggiżhomx meta jarawh jinqeda bihom biex isawwat lil Malta. Issa bħal donnu indehxu ftit għax raw x’inhuma l-intenzjonijiet ta’ Giegold fir-rigward ta’ Malta. Issa indehxu għax jafu li t-tkeskis intenzjonat  tagħhom sploda f’wiċċhom. Imma jista’ jisplodi wkoll, intortament, f’wiċċ l-eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin li jistgħu jbatu direttament u indirettament kawża ta’ dak li qed jhedded bih Sven Giegold.

Sadattant lil Sven Giegold nassigurah li se nkun qed nikkonfrontah mhux biss permezz tal-ittra li bgħattlu imma direttament fil-Parlament Ewropew, fl-istess post fejn ma ddejjaq xejn jipprova jkasbar lil pajjiżna ladarba sab l-appoġġ tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba u li verament iħobbu lil pajjiżhom, m’għandhomx jinsew min għamel ħsara kbira lil pajjiżna u lill-familji tagħna, meta f’Mejju li ġej imorru jitfgħu l-vot tagħhom fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

KullĦadd 14.10.18

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *