Bħala kelliema u rapporteur tal-S&D fil-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) fil-Parlament Ewropew, l-MPE Marlene Mizzi enfasizzat li hemm bżonn investiment akbar fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni. Hija qalet dan fir-rapport tagħha dwar Fondi Ewropej bħall-Interreg, l-EDRF u strumenti ta’ finanzjament Ewropej oħrajn. Ir-rapport ġie vvotat b’maġġoranza b’saħħitha.

L-MPE Mizzi qalet li “huwa ta’ importanza assoluta li jkun hemm żieda fl-investiment fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, aktar u aktar, peress li dawn is-setturi ma ngħatawx fondi biżżejjed fl-imgħoddi. Dan jista’ jsir possibbli biss jekk inżidu l-investiment fl-edukazzjoni, fl-iżvilupp reġjonali u fil-proġetti biex jiżdiedu l-għarfien kulturali u t-tisħiħ tar-rwol taż-żgħażagħ.”

Mizzi spjegat li l-edukazzjoni u l-kultura għandhom jitqiesu bħala għodod li jgħaqqdu l-kontinenti u l-pajjiżi biex naħdmu flimkien f’koperazzjoni mill-qrib bejnietna, filwaqt li joħolqu soċjetà aħjar. Dan joffri opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ li ġejjin minn reġjuni inqas żviluppati. Ir-rakkomandazzjoni li tissemma fir-rapport se tipprovdi l-possibbiltà biex jifformaw għall-aħjar pajjiżi li bħalissa jistgħu jkunu għaddejjin minn xi kunflitt jew inkwiet ċivili. B’dan il-mod iċ-ċittadini jkollhom aktar għarfien kulturali dwar dak li huwa nieqes fis-soċjetà tagħhom u x’jista’ jsir aħjar. Madankollu inizjattiva simili għandha bżonn il-fondi u għalhekk jien sodisfatta li r-rapport tiegħi ngħata appoġġ sħiħ.”

Il-ħtieġa għal aktar investiment u għal użu xieraq tal-fondi Ewropej fil-kultura u l-edukazzjoni jinħass minn kulħadd. Meta tinvesti fil-koperazzjoni u l-edukazzjoni kulturali, tkun qed tinvesti kemm fil-ġenerazzjonijiet tal-preżent kif ukoll f’dawk tal-ġejjieni!” qalet Marlene Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *