L-MPE Marlene Mizzi se tmexxi n-negozjati bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ u s-sikurezza tal-karozzi, vetturi u prodotti relatati wara Brexit. Sussegwentement din il-leġiżlazzjoni tiġi inkorporata fin-negozjati attwali bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-2019. Il-leġiżlazzjoni tiżgura li ma jkun hemm l-ebda xkiel fl-industrija tal-karozzi, li hija attur ekonomiku qawwi kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit, u telf konsegwenzjali ta’ impjiegi, filwaqt li ċ-ċittadini jkunu assigurati bl-istandards tas-sigurtà tal-UE.

Ir-Rapport Mizzi “Proposta li tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni” ġie vvutata unanimament – b’29 vot favur, astensjoni waħda, u xejn voti kontra – fil-kumitat IMCO. L-MPE Marlene Mizzi ngħatat il-kunsens biex tmexxi t-taħditiet kemm mal-Kunsill kif ukoll mal-Kummissjoni f’isem il-gruppi politiċi kollha tal-Parlament Ewropew.

“Dan l-abbozz ta’ regolament ikopri makkinarju awtomobilistiku bħal vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati, meħtieġa biex jiżguraw il-funzjoni ta’ dawn il-magni. Il-proposta tistabbilixxi kundizzjonijiet biex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ konformità, komunament imsejħa approvazzjoni tat-tip, minn awtorità ta’ approvazzjoni tat-tip fl-UE-27. B’dan il-mod se ttaffi l-effetti li Brexit jista’ jkollu fuq il-manifatturi li jfittxu li jqiegħdu fis-suq, jirreġistraw jew jidħlu fis-servizz xi prodotti ta’makkinarju fl-Unjoni. Din il-leġiżlazzjoni se tiċċara s-setgħat u l-obbligi tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, li għandha taġixxi bħala awtorità tas-sorveljanza tas-suq biex tkopri l-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-ambitu tal-istess leġiżlazzjoni.

“Fid-diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin, se nagħmel ħilti biex nilħaq kompromess, biex niżguraw iċ-ċertezza legali u nipprevjenu tfixkil bla bżonn fil-kummerċ, kif ukoll prevenzjoni ta’ telf ta’ dħul u impjiegi, mhux biss fir-Renju Unit iżda wkoll fl-UE, filwaqt li nżommu l-istandards ta’ kwalità f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sikurezza u l-konformità ambjentali minn din l-industrija importanti,” qalet Mizzi.

Ir-Rapport Mizzi huwa skedat li jiġi vvutat fil-plenarja f’Diċembru, biex b’hekk se jkun l-ewwel rapport dwar Brexit immexxi u nnegozjat kompletament minn Membru tal-Parlament Ewropew Malti.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *