Xtaqt li llum, f’din l-ewwel okkażjoni għalija wara li tressaq il-Baġit 2019, nitratta dan l-avveniment minn lenti differenti minn kif normalment nitrattaw il-baġit. Laqatni ħafna l-mod li bih għalaq id-Diskors tal-Baġit 2019 il-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna. Se nikkwotah kelma b’kelma għax wara kull dikjarazzjoni hemm ħafna x’jingħad. Il-Ministru Scicluna temm diskorsu hekk:

  • Se jkun l-ewwel baġit għal ħafna miżuri ġodda li huma bla preċedent
  • Huwa wkoll it-tieni baġit bla taxxi
  • Huwa t-tielet baġit b’surplus fil-finanzi pubbliċi
  • Huwa r-raba’ baġit b’żieda għall-pensjonanti tagħna
  • Huwa l-ħames baġit li qed joffri l-In-work benefit
  • Huwa s-sitt baġit li se jkompli joffri childcare b’xejn
  • Huwa fl-aħħarnett, is-seba’ baġit bi tnaqqis fit-taxxi.

Għeluq li ġabar kollox f’daqqa u li mill-ewwel juri li mill-Baġit kien se jkun qed jibbenefika kulħadd, kulħadd skont kif jixraq.

Ma ninsewx li qegħdin nitkellmu wara ħames snin biss ta’ amministrazzjoni Laburista. U aktar u aktar ma rridux ninsew x’kien il-punt tat-tluq. Dawn is-seba’ punti ebda wieħed minnhom mhu kontinwazzjoni fuq dak li sab fil-qasam partikolari l-Gvern Laburista wara kważi 25 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.

F’Marzu 2013 il-pajjiż ma kienx f’pożizzjoni li jintroduċi miżuri ġodda li huma bla preċedent. Ma kienx f’pożizzjoni li jkollu baġit bla taxxi. Ma kienx ikollna baġit b’surplus finanzjarju, anzi dejjem b’deficit. Il-pensjonanti kien ilu snin twal ma jaraw żjieda fil-pensjoni għajr għal dik il-parti konnessa mal-għoli tal-ħajja. It-terminu In-work benefit u childcare b’xejn kienu affarijiet li lanqas biss noħolmuhom. It-tnaqqis fit-taxxi kienet biss ħolma.

Illum qegħdin ngħixu dan kollu fir-realtà. Affarijiet li tarahom b’għajnejk u tmisshom b’idejk. Fejn qatt konna noħolmu li f’terminu daqstant qasir il-pajjiż kien se jaqleb il-folja b’mod daqstant drammatiku. Għax mhux ċajta li filwaqt li dejjem tistenna liema taxxa ġdida se tolqtok b’riżultat tal-baġit tiġi f’sitwazzjoni li tara minn liema miżura se tkun tibbenefika. Mhux ċajta li filwaqt li dejjem tispiċċa b’deficit issa qegħdin għat-tielet sena konsekuttiva nitkellmu dwar surplus.

F’Marzu 2013 kellna kważi 8,000 ruħ ifittxu x-xogħol. Illum din iċ-ċifra waqgħet għal taħt 2,000 sewwa. X’ġara minn dawn in-nies? Belgħathom l-art? Xejn minn dan, li ġara kien li sabu impjieg għax l-opportunitajiet ta’ xogħol huma kbar. Qegħdin f’sitwazzjoni li kważi kważi tgħid li llum ma jaħdimx min ma jridx jaħdem. Ix-xogħol qed jiġri wara l-ħaddiema u mhux l-oppost.

Araw naqra x’fissret il-miżura ta’ childcare b’xejn. Kemm konna smajna li din hija xiħaġa impossibbli! Ġiet introdotta u wasslet biex ħafna u ħafna kienu dawk in-nisa li jew reġgħu daħlu lura fid-dinja tax-xogħol inkella ħarġu jaħdmu għall-ewwel darba. Servizz ta’ childcare b’xejn mhix ċajta. Staqsi lil min kien iħallas għal dan is-servizz biex tkun taf.

Kemm konna ilna nisimgħu lill-għaqdiet tal-pensjonanti jappellaw biex il-Gvern ma jinsihomx għax kienu qegħdin isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja bil-pensjoni li għandhom. Dan huwa r-raba’ baġit li qiegħed jagħti żieda lill-pensjonanti tagħna.

Din il-bidla li jinsab għaddej minnha l-pajjiż ma waqgħetx mis-sema. Il-Gvern m’għandu ebda bakketta maġika. Il-Gvern kellu, u għandu biss viżjoni. Gvern li kien, u għadu lest jirrikonoxxi u jiffaċċja fejn hemm il-problemi. Gvern li l-problemi ma jaħbihomx taħt it-tapit imma jittrasformahom fi sfidi. Gvern li kellu u għandu pjan li qiegħed jimplimentah biċċa biċċa. Pjan li għax huwa fattibbli kiseb il-fiduċja u l-appoġġ. Pjan li mhux biss teorija imma pjan li qed jitwettaq fil-konkret. Pjan li qiegħed jagħti riżultati. Dak huwa s-sigriet ta’ kollox. Huwa għalhekk perfett is-slogan magħżul: Malta – Ngħixu s-Suċċess.

Il-KullĦadd 11.11.18

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *