L-MPE Marlene Mizzi ġiet appuntata bħala l-kelliema u n-negozjatur tal-S&D għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI) dwar l-opinjoni leġiżlattiva biex jitwaqqaf il-qlib tal-ħin li jsir darbtejn fis-sena u b’hekk tiġi revokata d-Direttiva 2000/84/EC. Fil-fatt, 84% tal-persuni li wieġbu huma favur li jitwaqqfu ż-żewġ bidliet annwali tal-ħin u li nżommu l-ħin tas-sajf matul is-sena kollha. Għaldaqstant, mhux se jibqa’ jkollna ndawru l-arloġġ ‘il quddiem u lura darbtejn fis-sena.

Mizzi qalet: “Onorata li ġejt fdata b’din l-opinjoni leġiżlattiva li se taffettwa l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha. Ir-riċerka wriet li l-qalba għas-sajf ġġib magħha effetti pożittivi fuq diversi setturi, fosthom it-turiżmu, il-jum ta’ ħidma tal-impjegati Ewropej, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini tagħna. Jekk tgħaddi din il-leġiżlazzjoni, il-ħin jitmexxa lura fi tmiem Marzu 2019 u jinżamm hekk bħala l-ħin standard permanenti.

“Id-dibattitu huwa meħtieġ u mitlub minn bosta ċittadini li ressqu petizzjonijiet dwar din il-kwistjoni. Dawn il-petizzjonijiet flimkien mal-konsultazzjonijiet pubbliċi wrew biċ-ċar li d-daylight saving time permanenti, magħruf aħjar bħala ‘l-ħin tas-sajf’, huwa l-favorit nett taċ-ċittadini, in-negozji u l-gruppi tal-istakeholders li wieġbu għall-istħarriġ organizzat mill-Kummissjoni Ewropea,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.

“Anke jien se nkun qiegħda nirrakkomanda li jintemm il-qlib tal-ħin bi-annwali u nistabbilixxu ‘l-ħin tas-sajf’ bħala l-ħin standard il-ġdid fl-Istati Membri kollha. Din hija x-xewqa tal-maġġoranza taċ-ċittadini li ġejjin minn stati fit-Tramuntana bħall-pajjiżi Skandinavi, kif ukoll minn pajjiżi fin-Nofsinhar bħal Malta. Se nkun qiegħda ninnegozja wkoll biex l-Istati Membri kollha jkollhom ħin standard armonizzat, filwaqt li jżommu ż-żoni tal-ħin (time zones) differenti kif inhuma – minflok ma nħallu lil kull stat membru jiddeċiedi jekk iridx iżomm il-ħin standard tas-sajf jew tax-xitwa. Jekk inħallu lil kull stat membru jagħżel ħin standard differenti nkunu qed noħolqu inkonvenjenzi bla bżonn u konfużjoni għal min jivvjaġġa u għan-negozji.

“B’dan il-mod se nkun qiegħda nwassal ukoll it-tħassib tal-maġġoranza taċ-ċittadini Maltin li huma favur din il-bidla, u li semmgħu l-opinjoni tagħhom fil-konsultazzjoni pubblika li nieda l-Gvern aktar kmieni din is-sena,” qalet Marlene Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *