L-Onorevoli Marlene Mizzi tinsab fit-tieni u l-aħħar leġiżlatura tagħha bħala Membru tal-Parlament Ewropew. L-Ewroparlamentari Laburista hija l-ewwel mara Maltija li ġiet eletta fil-Parlament Ewropew lura f’April 2013.

Fl-2018 hija rebħet il-Premju MPE tas-Sena waqt ċerimonja fi Brussell għall-kisbiet tagħha fi kwistjonijiet tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Ġiet ippremjata wkoll għax-xogħol tagħha fil-qasam tal-welfare tal-annimali mill- organizzazzjoni internazzjonali Eurogroup for Animals.

L-MPE Mizzi kienet waħda min-negozjaturi biex jitneħħew ir-roaming charges,  jorħsu l-prezzijiet fuq telefonati internazzjonali u biex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur; biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE biex jissottomettu petizzjoni lill-Parlament Ewropew; favur l-intraprenditorija fost in-nisa fuq livell Ewropew; biex ma ssirx diskriminazzjoni bejn l-ilsna; biex tingħata aktar setgħa liċ-ċittadini biex jitnaqqas id-defiċit demokratiku fl-Ewropa; favur żieda fil-fondi għall-iżvilupp ta’ zoni perferjali fl-edukazzjoni, il-kultura u l-isport; favur azzjoni b’saħħitha kontra l-kontenut illegali; favur aktar appoġġ lill-annimali tat-triq u abbandunati; biex ma jibqgħux jintużaw flus tal-UE għall-ġlied tal-barri; u kontra t-trasport krudili tal-annimali.

Mizzi nħatret bħala rapporteur fuq rapport leġiżlattiv marbut ma’ Brexit u negozjatur dwar il-leġiżlazzjoni tal-qlib tas-siegħa. Ir-rapport marbut ma’ Brexit u dak dwar il-Portal Diġitali Uniku ġew ivvotati b’maġġoranza assoluta. Hija rrappreżentat lil Parlament Ewropew f’diversi missjonijiet u konferenzi internazzjonali u mexxiet ukoll id-Delegazzjoni Parlamentari tal-IMCO fiċ-Ċina.

L-MPE Mizzi organizzat u kienet mistiedna bħala kelliema f’diversi seminars u konferenzi li jirrigwardaw in-negozji ż-żgħar; is-sehem tan-nisa fl-intraprenditorija; il-ħolqien tax-xogħol għaż-żgħażagħ; l-Erasmus+; l-enerġija sostenibbli; l-investiment; u l-immigrazzjoni.

Marlene  Mizzi ġiet appuntata wkoll Ambassador for Young Entrepreneurs għal Malta.

Marlene Mizzi ħabbret minn kmieni fl-2018 li mhix se terġa’ tikkontesta l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2019. Fl-istess waqt hija wiegħdet li se tibqa’ taħdem b’determinazzjoni sal-aħħar jum tal-mandat tagħha fl-interess ta’ Malta u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Hija tirringrazzja lil kulmin appoġġjaha u fdaha biex setgħet tkun rappreżentanta tal-poplu.

Marlene Mizzi tokkupa l-kariga ta’:

  • Membru tal-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew(S&D)
  • Viċi-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI)
    • Viċi-President tal-Intergroup għall-Konservazzjoni u l-Benessere tal-Annimali
  • Membru fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO)
  • Membru tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (ACP-EU)
  • Membru Sostitut fil-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT)
  • MembruSostitut tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (D-CN)
  • Membru fl-Intergroup Ibħra, Xmajjar, Gżejjer u Zoni Kostali
  • Membru fl-Intergroup fuq LGBTI Rights
  • Membru fl-Intergroup għall-Iżvilupp tat-Turiżmu Ewropew u l-Wirt Kulturali
  • Membru fl-S&D Digital Europe Working Group
  • Membru fl-Intergroup fuq id-Drittijiet tat-Tfal

______________________________________________________