Ma tantx nasal biex inlum lil min jgħid li ma jistax jifhem kif il-kwistjoni tal-migrazzjoni ħolqot daqstant diżgwid fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, diżgwid li kompla jikber wara li l-Italja kellha l-aħħar elezzjonijiet u ngħataw saħħa sostanzjalment kbira politiċi bħal Matteo Salvini. Qegħdin naraw ukoll pjuttost jiffjorixxi l-Lemin Estrem f’diversi pajjiżi Ewropej. Dan kollu huwa msejjes fuq il-kwistjoni tal-migrazzjoni.

Tħossok ma tistax tifhem sitwazzjoni bħal din meta tqis li l-għan ewlieni tal-Unjoni Ewropea huwa li tippromwovi d-demokrazija, l-għaqda, l-integrazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri. U allura waħedha toħroġ il-mistoqsija: għaliex daqstant nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi membri dwar il-problema tal-migrazzjoni?

Huwa stat ta’ fatt, u fl-opinjoni ta’ ħafna żball kardinali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li l-problema tal-migrazzjoni damet ħafna ma ngħatat l-importanza li jixirqilha għax il-pajjiżi l-kbar kienu għadhom ma ntlaqtux minn din il-problema. Aħna, bħala Maltin, nafu aktar minn biżżejjed kemm batejna minn din l-attitudni. Nafu biżżejjed li t-tendenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea kienet li l-problema kienet waħda Mediterranja u allura huma l-pajjiżi Mediterranji li għandhom isolvuha bejniethom, anke jekk dawn jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea kif jagħmlu Malta, l-Italja, Franza, il-Greċja u Cipru.

L-istorja bdiet tieħu dimensjoni differenti minn meta faqqgħet il-gwerra ċivili fis-Sirja fis-sena 2011. Apparti li tilfu ħajjithom aktar minn nofs miljun ruħ, u parti mill-pajjiż hija litteralment meqruda, miljuni ta’ Sirjani bdew jaħarbu mill-pajjiż u wasslu għal dik li hija l-akbar kriżi ta’ refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.

Dawn sabu l-ewwel kenn tagħhom fit-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, ovvjament l-eqreb pajjiżi għalihom. Meta lejn is-sena 2015 deher li dan ma kienx se jibqa’ possibbli bdew iħarsu aktar lejn l-Ewropa. Mas-Sirjani baqgħu jiżdiedu eluf kbar ta’ nies minn pajjiżi Afrikani u anke Asjatiċi. Kien hawn li bħal donnu l-Unjoni Ewropea nġabet f’sensiha biex tiffaċċja r-realtà. Kien hawn li ġie rrealizzat li dak li kienu ilu jħambqu għalih pajjiżi bħal Malta kien kollu ġustifikat. Malli bdew jidhru r-refuġjati fit-toroq tal-ibliet Ewropew il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea inġabu f’sensihom.

Sadattant konna qegħdin naraw kif bdew jirreaġixxu pajjiżi bħall-Ungerija. Bdejna naraw mill-ġdid telgħin il-fruntieri. Fl-istess ħin li kien għaddej dan kollu bdiet tinħass sewwa l-kriżi umanitarja. L-Unjoni Ewropea ma setgħetx tibqa’ indifferenti. Ma setgħetx tkompli tinjora l-pożizzjoni li bdew jagħmlu diversi pajjiżi membri tagħha, fosthom u b’mod partikolari Malta.

F’Settembru tas-sena 2015 l-Unjoni Ewropea approvat pjan li permezz tiegħu 120,000 refuġjat li kien irnexxielhom jaslu l-Greċja, l-Italja u l-Ungerija kellhom jitferrxu mal-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea, il-famuż pjan tal-kwoti bażat fuq is-saħħa ekonomika, il-popolazzjoni u n-numru ta’ nies bla xogħol f’kull pajjiż membru. Pjan li ma ġiex aċċettat mill-grupp ta’ erba’ pajjiżi fl-Ewropa Centrali magħruf bħala l-Visegrad Group iffurmat mir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja.

Il-pjan tal-kwoti kellu jkun esegwit sas-sena 2017, imma dan ma seħħx b’riżultat tal-fatt li l-pajjiżi tal-Visegrad ma qablux miegħu kif ukoll il-mod kajman li bih beda jiġi implimentat fost il-pajjiżi li qablu miegħu. Dan wassal biex f’Marzu 2016 l-Unjoni Ewropea daħlet fi ftehim mat-Turkija, pajjiż li kien ilhom snin twal jitkarrab biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u qatt ma ġie aċċettati biex din tieħu aktar refuġjati Sirjani, ftehim li kien ifisser li t-Turkija tingħata tliet biljun ewro biex tkun tista’ tkopri l-problema tar-refuġjati.

Madankollu s-sitwazzjoni ftit li xejn tjiebet, jekk ma marretx għall-agħar ukoll. Wieħed x’aktarx jifhem li l-Unjoni Ewropea tieħu passi kontra l-pajjiżi tal-Visegrad għax dawn irrifjutaw il-prinċipju tal-kwoti, imma għandu jingħad ukoll li l-maġġoranza tal-pajjiżi li aċċettaw dan il-prinċipju u wiegħdu li se jimxu miegħu, għadhom ma għamlux dak kollu li qalu li se jagħmlu.

Fl-isfond ta’ dan kollu joħroġ ċar is-suċċess li wettqet Malta permezz tal-Prim Ministru tagħha Joseph Muscat meta f’aktar minn okkażjoni waħda rnexxielha ssib soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd biex mijiet ta’ refuġjati li spiċċaw Malta intortament ikunu rilokati f’diversi pajjiżi fl-Ewropa. Ma kinetx xiħaġa faċli, tant li għandu jingħad li mhux il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea wieġbu għas-sejħa ta’ Malta.

Sfortunatament dak li l-aktar joħroġ ċar minn din is-sitwazzjoni huwa li jinħass sewwa n-nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa u dawk fiċ-ċentru u fil-Lvant tal-kontinent. U din hija ħasra.

Il-KullĦadd 10.03.19