Nhar it-Tlieta, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw dwar il-proposta biex tintemm il-prattika li ndawru s-siegħa fir-rebbiegħa u fil-ħarifa mill-2021. Skont it-test tal-Parlament, kull Stat Membru se jagħżel jekk iridx iżomm il-ħin tax-xitwa jew tas-sajf bħala l-ħin standard b’mod permanenti. L-MPE Marlene Mizzi vvotat kontra din il-proposta.

“M’iniex kontra t-tmiem tal-prattika li ndawru s-siegħa darbtejn fis-sena mill-2021. Bħala l-kelliema tal-PETI għall-S&D fuq dan il-file, kont ipproponejt tliet punti biex jiġu kkunsidrati: li l-ħin internazzjonali magħżul għandu jkun dak li llum insejħulu ‘l-ħin tas-sajf’; l-implimentazzjoni m’għandhiex issir qabel l-2020; u l-armonizzazzjoni tal-ħin bejn l-Istati Membri. Jiena kontra li kull Stat Membru jagħżel hu liema ħin jixtieq iżomm. Fil-fatt din il-proposta ma kinitx aċċettabbli għalija, għax jekk kull Stat Membru jaddotta ħin differenti se joħloq kaos,” qalet l-MPE Mizzi.

Marlene Mizzi qalet: “Il-vot meħud illum se jippermetti li l-Istati Membri joħolqu zoni ta’ ħin differenti, u dan se jħalli impatt negattiv ħafna fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern. Ma nistgħux nagħtu l-libertà lill-inċertezza u l-frammentazzjoni li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern, u t-tfixkil tal-kummerċ u l-ivvjaġġar, filwaqt li jinħolqu kumplikazzjonijiet fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni. Din hija r-riserva ewlenija tiegħi u r-raġuni għaliex għażilt li nivvota kontra dan ir-rapport.”

Bħala shadow rapporteur tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, ippruvajt nindirizza din il-kwistjoni billi nipproponi ħin armonizzat wieħed, iżda l-interessi personali kienu b’saħħithom wisq biex jingħelbu. Sfortunatament il-proposta tal-Parlament Ewropew tmur kontra dak li talbu ċ-ċittadini, u se tirriżulta fi frammentazzjoni tal-ħinijiet applikabbli fl-UE, minbarra z-zoni tal-ħin ġeografiċi li diġà huma stabbiliti,” qalet Marlene Mizzi.

“Tajt l-appoġġ tiegħi fl-interess taċ-ċittadini mill-bidu sal-aħħar. Konsultazzjoni pubblika li tmexxiet mill-Kummissjoni write li l-maġġoranza taċ-ċittadini tippreferi li jintemm il-qlib tal-ħin bi-annwali u li jinżamm il-ħin tas-sajf. Sfortunatament, il-Parlament iddeċieda mod ieħor.”