1) Il-ġimgħa d-dieħla l-Parlament Ewropew ilaqqa’ l-aħħar plenarja tiegħu għal din il-leġiżlatura. Kif tiddeskrivi l-ħidma li saret fl-aħħar ħames snin?

Il-ħidma li saret fl-aħħar ħames snin fil-Parlament Ewropew kienet waħda kbira. Il-laqgħat, id-diskussjonijiet u r-rapporti ma jieqfu qatt, kif għandu jkun. Il-kwistjonijiet li ħdimna fuqhom komplew jifformaw l-Ewropa tal-lum u ta’ għada. Bosta oqsma li saret ħidma fuqhom jolqtu direttament u indirettament liċ-ċittadini. Bid-difetti kollha tagħha, fl-Ewropa jsir ħafna xogħol importanti u huwa importanti li l-Maltin u l-Għawdxin iżommu ruħhom aġġornati b’dak li jkun għaddej.

Personalment kelli sitt snin ta’ impenn kbir iżda li tawni sodisfazzjon u riżultati. B’mod ewlieni ħdimt fuq ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni u fuq is-suq diġitali uniku, kif ukoll fuq oqsma bħal intraprenditorija, aċċessibilità għal nies vulnerabbli, mard bħall-kanċer u mard rari, l-istandards Ewropej, edukazzjoni, kultura, sports, drittijiet tal-annimali u oħrajn. L-aktar ħaġa importanti u ta’ sodisfazzjon għalija kienet li nżomm liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi u  li ċ-ċittadini jibbenefikaw minn ħidmieti. Nemmen li rnexxieli.

 

2) Fejn temmen li jista’ jaħdem aħjar il-Parlament Ewropew tul il-ħames snin li ġejjin?

Il-Parlament Ewropew irid jaħdem u jfassal il-politika tiegħu fl-interess tan-nies u jkun qrib tagħhom. Xbajna nisimgħu diskors dwar kemm l-Unjoni Ewropea trid tkun qrib taċ-ċittadini tagħha iżda mbagħad dak il-pont ta’ bejniethom qatt ma jinbena tassew.  Il-Parlament Ewropew għandu potenzjal kbir li jtejjeb ħajjet in-nies.

Irridu naraw ukoll kif se jitqassmu l-poteri wara l-elezzjonijiet. Jekk il-partiti populisti u ewro-xettici jkunu b’saħħithom biżżejjed li jwaqqfu deċiżjonijiet kruċjali, jkun hemm bżonn aktar għaqda bejn il-partiti l-oħrajn biex l-UE tkompli tiffunzjona.

Fil-ħames snin li ġejjin il-Parlament Ewropew għandu jaħdem għal ħidma aktar  konkreta dwar l-immigrazzjoni irregolari li twassal għal riżultati fit-tul. Saru diversi proposti għal soluzzjonijiet iżda kollox baqa’ fuq il-karta jew fl-ajru. Jiena wkoll ressaqt ideat dwar viżjoni kif lill-immigrant ekonomiku toffrilu futur f’pajjiżu. Iżda mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti bil-koperazzjoni u l-impenn ta’ kull stat membru.

Hemm bosta kwistjonijiet oħrajn li se tkun qed tiffaċċja l-ħidma fil-Parlament Ewropew. Importanti li din il-ħidma ma tieqaf qatt tiffoka fuq l-interessi taċ-ċittadini tal-UE. L-Istati Membri wkoll iridu jagħmlu l-parti tagħhom għax b’hekk biss jista’ l-Parlament Ewropew jilħaq il-potenzjal sħiħ  tiegħu.

 

3) Fejn taħseb li l-Parlament Ewropew kien l-iktar effettiv f’din il-leġiżlatura?

Fil-PE isir ħafna xogħol importanti li mhux dejjem ikun ovvju jew apprezzat. F’din il-leġiżlatura rajt avvanzi notevoli f’dak li jirrigwarda d-dinja diġitali. Illum li ħajjitna saret iddur u sa ċertu punt tiddependi mill-internet ma stajniex nibqgħu lura. L-internet huwa għodda ta’ valur enormi u fil-Parlament rajna kif nieħdu l-massimu mill-avvanzi teknoloġiċi li qed naraw. Fl-istess waqt ħdimna biex nilqgħu għall-perikli li ġġib magħha d-dinja diġitali.

Fost l-oħrajn mexxejt il-leġiżlazzjoni tal-Portal Diġitali Uniku u issa li ġiet approvati mill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropej, se tintuża u titħaddem mill-Istati Membri kollha.

Il-Parlament Ewropew kien effettiv ukoll fuq il-kultura u nħoss li dan il-qasam qiegħed jingħata l-attenzjoni u l-protezzjoni li jixraqlu. Il-Parlament qed jgħin bis-sħiħ biex il-kultura mhux talli ma tintilifx, iżda tissaħħaħ u li l-Istati Membri jżommu l-identità kulturali tagħhom. Il-PE ta wkoll importanza lil-opportunitajiet ta’ studju u ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.

 

4) X’kienet dik il-ħaġa li l-iktar imbottajt ‘il quddiem u li se jgawdu minnha ċ-ċittadini Maltin u tal-Unjoni Ewropea?

Kien hemm numru konsiderevoli ta’ rapporti importanti iżda mhux kollha jkunu jinħassu direttament miċ-ċittadini. Il-komunikazzjoni hi ħaġa vitali għal kulħadd u ħdimt ħafna f’dan il-qasam. Mill-15 ta’ Mejju ta’ din is-sena miljuni ta’ ċittadini se jkunu qegħdin igawdu minn telefonati orħos bejn Stat Membru u ieħor fl-Unjoni Ewropea. Sentejn ilu ġew aboliti t-tariffi tar-roaming fl-UE għal telefonati bil-vuċi, SMSs u data. Kburija li kont parti mit-tim ta’ negozjaturi li mbottajna u ħdimna bis-sħiħ biex issir din il-qabża kbira ‘l quddiem għall-konsumaturi. Ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni li rnexxielna naslu għalihom qegħdin iħallu impatt pożittiv dirett fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni, Ewropej u Maltin, għalkemm ma kinitx faċli u sibna oppożizzjoni qawwija minn diversi partijiet interessati. Iċ-ċittadini qed jiffrankaw eluf ta’ ewro minn kontijiet ħafna irħas.

Dawn huma passi storiċi li tejbu u se jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini u huma xiehda li l-proġett Ewropew jista’ jagħmel id-differenza għall-aħjar u jkun ta’ benefiċċju kbir għan-nies. Kburija li kont parti minn din il-bidla.

 

5) Liema forsi kien dak il-vot li l-iktar tak sodisfazzjon?

Il-rapporti li ħdimt fuqhom u li ġew approvati fil-plenarja  huma kollha ta’ sodisfazzjon. Ftit jirrealizzaw kemm ħin, riċerka u negozjati jkun hemm wara kull rapport. Wieħed mill-aktar voti approvati li tawni sodisfazzjon huma fuq rapporti leġiżlattivi tas-Single Ditigal Gateway u l-iStandards for the 21st Century – rapporti  li  jmissu liċ-ċittadini Ewropej kollha b’mod pożittiv.

Ta’ sodisfazzjon ukoll kien il-vot favur it-tneħħija tat-tariffi tar-roaming. Kienet battalja li kienet ilha ġġebbed għal xejn inqas minn għaxar snin u kien hemm bosta ostakli li kellna negħlbu. Dan kien pass ta’ importanza kbira li witta t-triq għal aktar deċiżjonijiet favur il-konsumatur. Dan ir-rapport qed jitqies bħala wieħed mill-akbar passi favur iċ-ċittadini li għamlet l-UE fl-aħħar leġiżlatura.

 

6) Kif qed tħares lejn din l-aħħar plenarja?

Kien ta’ privileġġ u unur kbir li nservi lil pajjiżi fil-Parlament Ewropew. Ghalhekk, se nħares lejn din l-aħħar plenarja b’nostalġija u sens ta’ umiltà. Se jkolli nostalġija kbira lejn ix-xogħol li għamilt tul dawn l-aħħar snin, lejn nies validi li lltqajt magħhom, lejn dak li tgħallimt, lejn esperjenza ta’  negozjar għall-ġid taċ-ċittadini, u lejn il-bidla li wieħed jista’ jagħmel bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Kienu snin fantastiċi!

Apparti minn hekk se nkun qiegħda nħares lejn din il-plenarja b’sens ta’ umiltà. Nibqa’ grata lejn il-poplu li fdani sabiex inkun rappreżentanta tiegħu – liema rwol dejjem ħadt b’serjetà assoluta. B’hekk nixtieq nieħu din l-opportunità biex insellem lill-poplu Malti u Għawdxi kollu u nirringrazzjah talli fdani u talli tani din l-opportunità biex inkun rappreżentanta tiegħu fi Brussell. Inħossni privileġġjata u onorata li kont rappreżentanta ta’ pajjiżi, li tant inħobb.

 

7) Semmili esperjenza li tibqa’ tiftakar?

Żewġ mumenti li żgur nibqa’ niftakar huma l-mument li fih sirt naf li ġejt eletta bħala rappreżentanta tal-poplu fl-2013. Dan il fatt poġġieni fl-istorja politika Maltija bħala l-ewwel mara Maltija li ġiet eletta fil-Parlament Ewropew – liema mument mhux se ninsa u li għalih nibqa’ ferm grata.

Mument ieħor li se nibqa’ niftakar huwa l-mument li ngħatajt il-Premju ta’ MEP tas-Sena għax-xogħol tiegħi fil-Kumitat ta’ Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO). Din kienet esperjenza li nibqa’ niftakar għax huwa frott tax-xogħol tiegħi bħala MEP li jiġi ġġudikat minn esperti indipendenti.

Pero kien hemm esperjenzi koroh ukoll – bħal meta tisma’ lil sħabek Maltin iżebilħu lil Malta fil-Parlament Ewropew   u tarahom ikesksu u jindiehsu mal-barrani biex jagħmlu l-istess. Għalija kienet  sitwazzjoni tal-biki … litteralment!

Dawn huma biss żewġ esperjenzi mill-bosta li kelli. Nawgura lill-elettorat li jagħżel sew lil min se jirrappreżentah fil-PE, u nawgura  lill-MEPs li jmiss esperjenzi mill-isbaħ, li dejjem jibqgħu jgħożżu l-valuri Maltin u li jkunu grati lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.  Inħeġġiġhom ukoll, li  bħala rappreżentanti ta’ Malta, li ma jkollhom qatt u xejn akbar mill-ġid ta’ pajjiżhom.

Il-KullĦadd 14.04.19