Fil-jiem li għaddew il-Ministru Dr Owen Bonnici u l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika Dr Peter Grech dehru quddiem l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) li f’isimha qiegħed ikun ippreparat rapport dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Ma naħsibx li għandi għalfejn nelabora wisq dwar il-fonti tas-sorsi min-naħa lokali. Dak li jsir bil-miftuħ u li narawh u nisimgħuh huwa aktar minn biżżejjed. Xi jsir minn wara nistgħu biss nassumuh u nimmaġinawh.

Il-fatt li jien Membru Parlamentari Ewropew, u allura nkun f’kuntatt aktar dirett mas-sitwazzjoni, naf kemm ħsara saret u għad hemm min qed ikompli jagħmel ħsara lil pajjiżna sempliċiment għax il-qofol ta’ kollox huwa wieħed politikament partiġġjan. Meta nitkellem ma’ Membri Parlamentari Ewropej oħrajn u nispjegalhom u nagħtihom l-istampa kollha faċilment ninduna kemm hemm qerq u ingann f’dak li qed isir fil-konfront ta’ pajjiżna, sfortunatament minn Maltin bħalna. Trid jew ma tridx tħossok tiddejjaq tikkonfronta sitwazzjonijiet li taf li mhumiex ir-realtà imma aktar u aktar meta maħluqin minn Maltin bħalek.

Kulħadd jaf kemm-il delegazzjoni ġiet mill-Parlament Ewropew biex suppost tinvestiga affarijiet f’Malta. Kulħadd jaf kemm tajn intefa’ fuq pajjiżna. Kulħadd jaf kemm-il rapport sar u kemm intefħu rakkomandazzjonijiet li setgħu saru fir-rigward ta’ Malta.

Biex tirrealizza aktar kemm ħsara għamlu u għadhom jippruvaw jagħmlu lil Malta trid tikkonsidra x’kienet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal miżura li jrid li tittieħed fil-konfront ta’ Malta l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Ħodor il-Ġermaniż, Sven Giegold. Imma trid tara aktar u aktar x’kienet imbagħad ir-reazzjoni ta’ Giegold għal dak li ħareġ bih il-Partit Nazzjonalista.

Giegold qabad dak li deherlu li għandu jaqbad mir-rapporti li saru fil-konfront ta’ Malta u sostna li abbażi ta’ dak li ġabar hu għandhom jittieħdu passi drastiċi fir-rigward ta’ Malta billi jkun applikat Artiklu 7. L-applikazzjoni ta’ dan l-artiklu hi ħaġa serja ħafna għax ifisser li Malta jitneħħielha d-dritt tal-vot. Tista’ timmaġina sitwazzjoni degradanti bħal din?

Tal-Partit Nazzjonalista, konxji minn xi tkun tfisser miżura bħal din, irreaġixxew mill-ewwel u mhux talli ma qablux ma’ Giegold talli kkundannawh. X’aktarx li s’hawnhekk tħoss li tal-Partit Nazzjonalista aġixxew kif kellhom jaġixxu, imma mhux meta tkun taf kif irreaġixxa Giegold! Giegold iddeskriva l-aġir tal-Partit Nazzjonalista bħala political cowardice. Fi kliem ieħor akkużahom li huma politikament beżżiegħa. Imma għaliex? Għax tant kien ilu jisma’ mingħand il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista, kemm fuq livell personali  kif ukoll f’kull okkażjoni u f’kull fora possibbli, li stenna li dawn se jkomplu issa bl-appoġġ lilu għal dak li talab fil-konfront ta’ pajjiżna. Nahseb li Gielgold irrealizza l-ingann tal-MEPs Nazzjonalisti u akkużahom li huma kodardi – bħal dak li jitfa’ ġebla u jaħbi idu!

L-ironija hi li tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jippretendu GRAZZI mingħand il-poplu Malti u Għawdxi talli ma qablux ma’ Giegold! Il-poplu Malti u Għawdxi jgħidulhom GRAZZI meta jibdew jiġbru lura t-tajn li ilhom iwaddbu s-snin u  kif jaf kulħadd waddab illum u waddab għada xiħaġa se jeħel.

Għaliex ngħiduha kif inhi, trid tkun wiċċek tost biex wara dak kollu li għamel u għadu qed jagħmel Gvern Laburista fejn tidħol is-saltna tad-dritt kif ukoll il-fatt li dak li ġie kkritikat fir-rapporti kkonċernati huma liġijiet u proċeduri li ilhom magħna snin twal u li amministrazzjonijiet Nazzjonalisti waħda wara l-oħra implimentaw, toħroġ takkuża lill-Gvern Laburista dwarhom.

Il-fatt li l-istess rapporti rrikonoxxew u faħħru miżuri meħudin minn Gvern Laburista fejn jikkonċerna preskrizzjoni tal-politiċi; finanzjar tal-partiti; protezzjoni lill-whistleblowers; tibdil fil-mod kif tinħatar il-ġudikatura fost affarijiet oħrajn juri li Gvern Laburista mhux talli mhux qed jhedded is-saltna tad-dritt talli qiegħed isaħħaħha.

Jhedded is-saltna tad-dritt min ikun qed jgħawwar minn taħt u min jipprova, per eżempju, jiskredita lill-Qrati tagħna meta jittieħdu deċiżjonijiet li ma jkunux mixtiqin minn min ikun fassal mod ieħor.

Iż-żmien tal-kontijiet wasal. Fil-25 ta’ Mejju li ġej isiru l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u min ħadem f’din il-fora kontra l-interessi ta’ pajjiżna għandu jingħata dak li ħaqqu … u ma naħsibx li għandu  jkun “grazzi”!

 

Il-KullĦadd 14.04.19