Matul l-aħħar sezzjoni tal-plenarja fi Strasburgu, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw fuq sett ta’ regoli ġodda sabiex jinforzaw is-sorveljanza tas-suq f’dak li għandu x’jaqsam ma’ standards tal-prodotti li huma jidħlu fis-suq uniku. Ir-regoli l-ġodda jipprovdu protezzjoni aħjar għall-interessi ta’ saħħa u ambjentali flimkien mas-sigurtà tal-konsumaturi.  

Hija u titkellem fis-sezzjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew ġewwa Strasburgu l-MPE Marlene Mizzi qalet li “meta l-konsumaturi jixtru prodotti ġodda bħal apparat elettroniku, ġugarelli jew kożmetiċi, huma jistennew, kif għandu jkun, li dawn ikunu siguri. Sfortunatament, dan mhux dejjem ikun il-każ u bosta drabi l-prodotti li jitqiegħdu fuq is-suq mhux biss ma jkunux siguri iżda jistgħu jkunu perikolużi għas-saħħa, u f’ċerti każi fatali.”

Spezzjonijiet jiżvelaw li n-nuqqas ta’ konformità ta’ prodotti spezzjonati jista’ jitla’ sa 90%. Hemm indikazzjonijiet li juru li l-problema taffettwa lil kull qasam u kull stat membru fl-Unjoni. Il-konsegwenzi li dawn il-prodotti mhux siguri jista’ jkollhom fuq iċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej huma ċari. Iċ-ċittadini jiffaċċjaw bosta riskji meta jixtru jew jaħdmu bi prodotti potenzjalment perikolużi, u n-negozji jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta mill-kumpaniji li mhux konformi mar-regoli.

“Tfal, trabi jew anzjani – ta’ spiss ikunu l-vittmi ta’ dawn il-prodotti qarrieqa. L-uniċi prodotti li għandhom jinbiegħu fuq is-suq, għandhom ikunu prodotti siguri irrispettivament jekk jinbigħux b’mod tradizzjonali jew b’mezzi online, u ma jimpurtax jekk humiex immanifatturati fl-Unjoni jew le,” qalet Marlene Mizzi fid-diskors tagħha fi Strasburgu.

“Ilqajt din il-leġiżlazzjoni li se twassal għal titjib importanti fis-sorveljanza tas-suq f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti u sigurtà tal-konsumaturi – sabiex ikollna suq uniku aktar ġust. Għaldaqstant, għandna bżonn regoli ta’ sorveljanza u infurzar xieraq ta’ dawn ir-regoli, flimkien ma’ atteġġjament xieraq mill-manifatturi u l-kummerċjanti li jikkonformaw mar-regoli u l-istandards li diġà jeżistu. Naħseb li fi tmiem din il-leġiżlatura, ilħaqna l-għan aħħari tagħna – dak li nipprovdu leġiżlazzjoni Ewropea li tipproteġi l-konsumaturi billi tipprovdilhom prodotti aktar siguri min-negozji li jikkompetu b’mod ġust u li huma sorveljati minn amministrazzjonijiet li jikkoperaw bejniethom. L-għan tagħna huwa li nipproteġu lill-konsumaturi u din il-leġiżlazzjoni se tagħmel proprju dan,” qalet l-MPE Mizzi.