Bħal-lum ħmistax-il ġurnata bħalissa, il-Ħadd, 26 ta’ Mejju, ikun għadu għaddej il-proċess biex ikunu magħrufin is-sitt rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew wara li fil-ġurnata ta’ qabel tkun saret l-elezzjoni speċifika flimkien ma’ dik tal-Kunsilli Lokali.

Peress li mhux se jkolli opportunità oħra nikteb qabel dawn iż-żewġ elezzjonijiet irrid nieħu din l-opportunità biex nitratta b’mod partikolari l-Parlament Ewropew li fih servejt għal sitt snin mifruxin fuq żewġ leġiżlaturi. Il-Parlament Ewropew huwa post ewlieni fejn jista’ jsir ġid kbir għall-pajjiż filwaqt li fl-istess ħin tkun qed tikkontribwixxi daqs kull pajjiż ieħor fil-mod kif tiżviluppa l-ħajja fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, sfortunatament, daqstant ieħor il-Parlament Ewropew jista’ jservi biex issir ħsara lill-pajjiż.

Ma naħsibx li għandi għalfejn nidħol f’dettalji dwar kif kien hemm min minn fost is-sitt Membri Parlamentari Ewropew li sa ftit ilu konna qegħdin nirrappreżentaw lill-pajjiżna aktar kien ħsiebu kif jista’ joskura lill-pajjiż milli biex jaħdem għall-ġid tal-pajjiż.

Fil-Parlament Ewropew għandu jitwarrab l-element partiġġjan. Sfortunatament l-esperjenza tiegħi fil-Parlament Ewropew hija imtappna b’ħafna u ħafna okkażjonijiet fejn ma sarx hekk min-naħa tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista. Ninsab ċerta li l-każ Toni Abela u l-każ Leo Brincat u l-ftaħir kemm qabel kif ukoll wara dwar l-aġir tagħhom min-naħa minn dawk fostna li vvotaw kontrihom għadhom fuq moħħ il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Ninsab ċerta wkoll li daqstant ieħor għadhom quddiem għajnejn kulħadd l-ħidma distruttiva kontra pajjiżna, id-diskorsi fl-opinjoni tiegħi rresponsabbli u skandalużi fil-konfront tal-Prim Ministru Malti f’okkażjoni waħda wara l-oħra, l-instigar biex isem pajjiżna jitpinġa f’dellijiet koroh.

Min-naħa l-oħra ninsab b’kuxjenza trankwilla, u kburija, li flimkien maż-żewġ Membri Parlamentari Laburisti l-oħrajn fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant u Miriam Dalli, għamilna dak kollu possibbli u dak li wieħed verament jistenna b’difiża għal pajjiżna. Issa, li din id-darba mhux se nkun qegħda nikkontesta, nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li se nkun temmejt is-sehem tiegħi fil-Parlament Ewropew b’rasi mgħollija u verament kburija li jien Maltija u kburija bis-sehem tiegħi favur pajjiżi.

Fi ftit jiem oħra l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qiegħed jagħmel l-għażla tiegħu dwar lil min jibgħat jirrappreżentah f’istituzzjoni ta’ daqstant importanza. Huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li mmorru nivvotaw. Hija okkażjoni li tiġi darba kull ħames snin. Inkunu qegħdin niżbaljaw bl-ikrah jekk ma nagħtux l-importanza kbira u mistħoqqa lill-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. U nkunu qegħdin niżbaljaw ferm u ferm aktar jekk niddeċiedu li fil-25 ta’ Mejju nibqgħu d-dar.

Nista’ nassigurakom li pajjiżna huwa l-għira tal-pajjiżi membri l-oħrajn kollha tal-Unjoni Ewropea għall-persentaġġi għoljin ta’ votanti li joħorġu jivvutaw anke jekk fil-każ tal-Parlament Ewropew ikunu inqas minn dawk tal-Elezzjonijiet Ġenerali lokali. Il-vot huwa dritt sagrosant ta’ kull ċittadin imma daqstant ieħor huwa ta’ piż.

L-Ewropa tinsab f’salib it-toroq. Kulħadd għajnejh f’wiċċu. Qegħdin naraw kif partiti tal-lemin estrem qegħdin jiftħu l-qlugħ tista’ tgħid madwar l-Ewropa kollha. Eżempji ċari ta’ dan nistgħu neħduhom minn pajjiż ġar tagħna, l-Italja. Mhux daqstant bogħod minna, Franza, nafu wkoll x’inhu għaddej. Fil-Ġermanja wkoll l-estremiżmu reġa’ qed jgħolli rasu.

Żgħar kemm aħna żgħar xorta għandna kontribut x’noffru. Wara kollox wrejna f’aktar minn qasam wieħed x’avvanzi għamel pajjiżna f’terminu qasir ta’ sitt snin. U nafu li hemm min fl-Ewopa tuġgħu żaqqu għall-mod kif pajjiżna rnexxielu jirreġistra progress bħal dan u huwa għalhekk irridu noqogħdu attenti lil min nibagħtu jirrappreżentana fil-Parlament Ewropew. Fil-Parlament Ewropew m’għandux ikun hemm lok li flok jinġibed il-ħabel tal-pajjiż jinġibed dak partiġġjan.

Nista’ nassigurakom li lill-Parlament Ewropew filwaqt li għaġġibnih bis-suċċessi li ksibna daqstant ieħor kien hemm min minn fostna skandalizzah għall-mod kif kien juża istituzzjoni bħal dik biex jżeblah lil pajjiżna stess. Għal dan imisshom jistħu. Sigħathom waslet ukoll.

Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-fiduċja li wera fija u li nittama li tali fiduċja sarraftha b’risq pajjiżi. Kuraġġ lit-tim ta’ kandidati f’isem il-Partit Laburista u awguri mill-qalb lil dawk min fosthom se jkun qiegħed jirrappreżentana. Kuraġġ għall-ħidma u l-isfidi li għandkom quddiemkom.

Appell mill-ġdid lil kull wieħed u waħda minna: nhar is-Sibt, 25 ta’ Mejju, mur ivvota. Il-Partit Laburista ppreżentalek lista formidabbli ta’ kandidati li għalihom l-interess ta’ pajjiżna huwa l-qofol tal-aġenda.

Awguri għal rebħa oħra Laburista nhar il-25 ta’ Mejju li ġej.

Il-KullĦadd 12.05.19