Nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju l-poplu Malti u Għawdxi ta l-verdett tiegħu fil-konfront tal-partiti politiċi u individwi li kkontestaw l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Il-maġġoranza assoluta tal-poplu reġgħet għażlet lil Joseph Muscat għad-detriment ta’ Adrian Delia, li għandu jingħad li huwa t-tielet Kap konsekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li litteralment ingħata tkaxkira nobis. Qablu għaddew mill-istess esperjenza Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Li Busuttil għadu ma jistax iniżżilha li ngħata t-tkaxkira li ngħata, hija ħaġ’oħra, imma mhux ta’ min jiskartaha jew jinjoraha.

Simon Busuttil wera u għadu qed juri li mhux veru jemmen fid-demokrazija. Għadu jippretendi li għandu xi dritt divin li fejn ikun hu jrid imexxih hu, kemm jekk fuq livell ta’ partit kif ukoll fuq livell ta’ pajjiż. Il-pajjiż qiegħed jgħix esperjenza kerha forsi mingħajr m’aħna nagħtuha l-importanza li jixirqilha. Simon Busuttil u l-klikka tiegħu, li mhix żgħira, qegħdin jagħtu bis-sieq lid-demokrazija u qegħ

din iċaħdu lill-pajjiż minn Oppożizzjoni Parlamentari serja.

Ma ninsewx b’liema mod arroganti Simon Busuttil deherlu li kellu jwaqqaf lil Adrian Delia milli jkompli jieħu sehem fil-proċess li kellu jwassal għall-ħatra ta’ Kap ġdid wara r-riżenja tiegħu mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Minkejja disfatta daqstant kbira Simon Busuttil xorta waħda jippretendi li għandu jkun hu li jiddetta min kellu jkun is-suċċessur tiegħu, jew, almenu, min m’għandux ikun.

 

Madankollu kemm il-maġġoranza ta’ kunsillieri tal-PN kif ukoll il-maġġoranza tat-tesserati rmew il-parir voċiforuż ta’ Simon Busuttil biex Adrian Delia ma jingħata qatt it-tmexxija tal-PN. L-istorja attwali ta’ dak li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għaddew minnu u għadhom qegħdin jgħaddu minnu lil Adrian Delia jafha kulħadd. Żgur li mhix storja li tirrifletti twemmin fid-demokrazija. Anzi hija l-oppost!

 

Kull min tafu m’hemmx għalfejn tistaqsi għalih jgħallmuna l-antenati tagħna, bħalma jgħallmuna wkoll li l-passat huwa mera tal-futur. Jekk hawn min qiegħed jittama li Roberta Metsola u David Casa se jibdlu l-attitudni versu l-Gvern Malti, versu Malta, fil-Parlament Ewropew, wisq naħseb li qiegħed jittama għalxejn. Ngħid dan b’esperjenza ta’ MEP li rat  b’liema mod kienu jaħdmu dawn it-tnejn. Ngħid b’wiċċi minn quddiem li r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewopew għamlu kulma setgħu biex ifixklu lill-Gvern Malti jew dak propost minnu. Kesksu u żebilħu  aktar milli felħu, u l-vera vittma,  hi Malta, u l-Maltin bir-riskji reali li dan l-atteggament deplorabbli   jġib miegħu. U jien konvinta li hekk se jibqgħu jagħmlu. Jirringrazzja lilhom ukoll, il-PN, tad-daqqa ta’ ħarta li tahom l-elettorat f’dawn l-elezzjonijiet! Sta għalihom jekk jitgħallmux jew ikomplux iwebbsu rashom biex ikomplu jagħmlu ħsara lil Malta u lill-poplu tagħha. Dak huwa n-negattiv li ħareġ nhar il-25 ta’ Mejju li għadda.

 

Imma pożittiv ħareġ ukoll! U mhux ftit! Il-fatt li l-poplu kkonferma u approva l-mod li bih qiegħed jitmexxa l-pajjiż minn Gvern immexxi minn Joseph Muscat, u għamel dan b’mod daqstant massiċċ huwa aktar minn approvazzjoni. Huwa filfatt vot ta’ ringrazzjament. Vot ta’ fiduċja, fiduċja bażata fil-konkret tat- twettiq ta’ dak imwiegħed, f’kull qasam tal-ħajja.

 

U jekk għan-Nazzjonalisti japplika dak li għalmuna l-antenati tagħna, li lil min tafu tistaqsix għalih u li l-passat huwa mera tal-futur, hekk ukoll japplika għall-Partit Laburista fil-Gvern. Il-leġiżlatura 2013-2017 u l-ewwel sentejn tal-leġiżlatura attwali huma aktar minn prova konkreta.

 

Flahhar nixtieq nawgura lil Alfred u lil Miriam fit-tkomplija ta’ ħidmiethom, kif ukoll nawgura  liż-żewġ Membri Parlamentari ġodda, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar ħidma siewja, interessanti u ta’ benefiċċju għal Malta. Kuraġġ, ħidmietkom mhux se tkun faċli, imma la darba Malta hija f’qalbkom, xejn u ħadd m’għandu jbeżżagħkom.

 

Fuq nota personali, issa li se jingħalaq il-kapitlu tiegħi bħala MEP f’isem il-Partit Laburista. Kburija li jien parti mill-istorja politika Maltija bhala l-ewwel mara  Maltija li giet eletta fil-Parlament Ewropew fil-2013. Nixtieq ngħid li kien ta’ unur u privileġġ  kbir li kelli opportunità li nservi lil pajjiżi. Ta’ dan, nirringrazzja lill-elettorat li fdani li nkun il-vuċi tiegħu f’din l-istituzzjoni tant importanti. B’kuxjenza trankwilla ngħid li dmiri lejn Malta tagħna qdejtu bl-aħjar abbiltajiet tiegħi. Kull deċizżjoni li ħadt, kull vot li tfajt, kull negozjati li ħadt sehem fihom, dejjem żammejt f’moħħi  l-interess ta’ Malta u tal-Maltin u l-Għawdxin. Iddefendejt lil pajjizi minn attakki oxxeni. U dan għamiltu mhux biss b’ sens ta’ dover, imma wkoll b’sens ta’ mħabba lejn pajjiżi. Ma kienx hemm sekonda jew okkażjoni waħda li ma ħassejtnix kburija li jien Maltija.

 

U b’dan il-ħsieb ngħid ‘Saħħa’ lix-xena politika, sodisfatta li għamilt dak kollu li kien mistenni minni bħala rappreżentanta tal-poplu fil-Parlament Ewropew għax emmint li għalkemm Malta hi pajjiż żgħir, imma hi Nazzjon kbir.

 

Saħħa u grazzi mill-qalb.